Pembroke, l-aktar belt ġdida ta’ Malta issemmiet hekk fl-1859 wara t-tnax-il “Earl ta’ Pembroke” u Segretarju Ingliż tal-Gwerra. Pembroke għandha fuq naħa waħda l-baħar Mediterran u fuq it-tlett naħat l-oħra l-belt ta’ San Ġiljan u ż-żoni residenzjali tas-Swieqi u Baħar iċ-Ċagħaq. Il-qies tagħha hi ta’ 2.3 kilometri kwadri u tinsab sitt kilometri bogħod mill-Belt Kapitali Valletta u tnax-il kilometru mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-popolazzjoni stmata fl-1 ta' Jannar 2019 kienet ta’ 3,842. (Sorz Gazzetta tal-Gvern numru 20,259 Paġna 21,632, 03/09/2019)

 

Storja

Pembroke taf l-oriġini tagħha lill-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm li bnew żewġ torrijiet fuq il-kosta tagħha bħala mezz ta’ difiża għall-Port-il Kbir minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ Pembroke. Madanakollu, s-Servizzi Ngliżi kienu strumentali fl-iżvilupp u l-fortifikazzjoni ta’ din il-belt. L-ewwel bini li nbena bejn l-1859 u l-1862 kienu l-“Barracks” li ssemmew għall-San Ġorġ – il-patrun ta’ l-Ingliżi. Aktar bini nbena fis-snin ta’ wara w issemma wara l-patruni ta’ l-Irlanda w l-Iskozja – San Patrizju w Sant Andrija rispettivament. Il-Forti Pembroke nbena bejn l-1875 u l-1878 biex iservi ta’ difiża għal xi attakk mill-għadu minn fuq il-baħar kif ukoll mill-art min-naħa tal-“Victoria Lines”. Aktar tard inbniet il-Batterija ta’ Pembroke biex iservi għall-istess skop ta’ difiża. Kienu diversi reġimenti li servew f’Pembroke w l-aħħar suldati Ngliżi jingħad li telqu minn Pembroke f’Marzu ta’ l-1979. Matul it-Tieni Gwerra dinija, il-Priġunieri tal-Gwerra Ġermaniżi miżmuma f’Pembroke, bnew kappella zgħira biex taqdi l-ħtiġijiet tas-Servizzi Ngliżi. L-art li kienet okkupata mis-servizzi ngliżi għaddiet għand il-Gvern Malti w wara li għal xi snin kienet mitluqa, f’nofs is-snin tmenin “il-Barracks” bdew jiġu mibdula f’residenzi privati, uffiċini w kumpless turistiku. Aktar tard il-Gvern ħareġ l-artijiet għall-bejgħ w l-ewwel residenti daħlu f’djarhom fl-1986.

Bis-saħħa tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali ta' l-1993, Pembroke kienet waħda mis-67 lokalitajiet li jkollha l-Kunsill Lokali tagħha. L-ewwel elezzjoni saret nhar is-Sibt 19 ta' Marzu 1994. Minn dakinhar saru seba' elezzjonijiet oħra fl-1996, 1999, 2002, 2005, 2008, 2013 u 2019. L-elezzjoni li jmiss ser issir 2024.

 

Stemma

L-istemma ta’ Pembroke tirrefletti l-konnessjoni militari li Pembroke dejjem kellu. Żewġt ixwabel tad-deheb fuq sfond aħmar huma msallba w mdawwra bi tlettax-il Torri mibnija mill-Gran Mastru De Redin.

 

Parroċċa

Meta Pembroke beda jiġi abitat, kien jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ San Ġiljan, u fuq talba tal-Kappillan Dun Tony Agius, il-kappella li kienu bnew il-priġunieri Ġermaniżi ġiet imkabbra w ridekorata fuq disinji tal-Professur Richard England. Meta l-Kurja waqqfet Żona Pastorali ġdida għall-Ibraġ, Pembroke beda jagħmel parti minn din iż-żona sa' Ħadd il-Palm ta’ l-1998, meta minħabba li l-ħtiġijiet pastorali tal-komunita’ ta’ Pembroke bdew jiżdiedu, il-Kurja ħarġet digriet Episkopali li biha waqqfet Żona Pastorali ġdida għal Pembroke. F’dawn l-aħħar snin nbena Ċentru Pastorali dedikat lil Kristu Rxoxt li qed jintuża biex iservi l-ħtiġijiet tal-komunita` ta’ Pembroke. Iċ-ċentru w il-Knisja li għad trid tinbena ġew iddisinjati mill-Periti Antonio Mollicone w Paul Camilleri.

 

Ekoloġija u Ġeoloġija

F’Pembroke wieħed isib speċi ta’pjanti endemiċi li wħud minnhom jinsabu hawnhekk biss, l-aktar importanti fosthom huma –Tursin il-għawl Xewwieki. F’Pembroke issib taħlita ta’ siġar mħawwla, bis-siġar taż-Żnuber l-aktar predominanti segwiti mis-siġar taż-Żebbuġ. Insibu tlett mogħdijiet ta’ l-ilma – waħda tgħaddi minn Triq il-Mediterran lejn il-baħar magħrufa bħala l-Ponta l-Irqieqa; oħra ħdejn it-Torri tal-Madliena magħrufa bħala Id-Dahar; u l-oħra, l-aktar magħrufa hi Wied Ħarq Ħamiem li mid-daħla ta’ Pembroke tagħti għall-bajja ta’ San Ġorġ.