Leġiżlatura 2013-2019

Il-Seba' elezzjoni saret nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 2013 fejn ħarġu jivvutaw 89% tal-popolazzjoni w ikkontestaw tnax-il kandidat. Ġew eletti l-Avv. Dean Hili, Raymond Lanzon u Mark Causon f’isem il-Partit Laburista u Evelyn Vella Brincat u Charles Cesare f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar it-Tlieta 26 ta’ Marzu 2013 għal perjodu ta’ erba' snin u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar il-Ġimgħa 5 t’April 2008, l-Avv. Dean Hili nħatar Sindku waqt li Raymond Lanzon nħatar Viċi Sindku.

Désirée Vella Brincat ġiet co-opted fl-2018 wara t-telfa ta' Evelyn Vella Brincat.

Leġiżlatura 2008-2013

Il-Sitt elezzjoni saret nhar is-Sibt 8 ta’ Marzu 2008 fejn ħarġu jivvutaw 89% tal-popolazzjoni w ikkontestaw tminn kandidati. Ġew eletti Joseph Żammit, Alfred Mazzitelli u Joseph Brincat f’isem il-Partit Laburista u Lauro Fava w Evelyn Vella Brincat f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu 2008 għal perjodu ta’ tlett snin u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa 2 t’April 2008, Joseph Żammit nħatar Sindku waqt li Alfred Mazzitelli nħatar Viċi Sindku. Bl-emendi li saru fil-liġi, it-terminu ta' żmien ġie mġedded b'sentejn oħra.

Leġiżlatura 2005-2008

Il-Ħames elezzjoni saret nhar is-Sibt 12 ta’ Marzu 2005 fejn ħarġu jivvutaw 68% tal-popolazzjoni w ikkontestaw għaxar kandidati. Ġew eletti Joseph Żammit, Raymond Mizzi w Alfred Mazzitelli f’isem il-Partit Laburista u Ray Pace u Evelyn Vella Brincat f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar it-Tlieta 29 ta’ Marzu 2005 għal perjodu ta’ tlett snin u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa 7 t’April 2005, Joseph Żammit nħatar Sindku waqt li Raymond Mizzi nħatar Viċi Sindku.

Leġiżlatura 2002-2005

Ir-Raba’ elezzjoni saret nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 2002 fejn ħarġu jivvutaw 75% tal-popolazzjoni w ikkontestaw disa' kandidati. Ġew eletti Carmel Bezzina, Alfred Mazzitelli w Joseph Żammit f’isem il-Partit Laburista w Franco Galea w Ray Pace f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar il-Ħamis 21 ta’ Marzu 2002 għal perjodu ta’ tlett snin u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgha 3 t’April 2002, Joseph Żammit nħatar Sindku waqt li Carmel Bezzina nħatar Viċi Sindku.

Charles Theuma ngħaqad bħala membru tal-Kunsill aktar tard meta Franco Galea ġie elett fil-Parlament.

Leġiżlatura 1999-2002

It-Tielet elezzjoni saret nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu 1999 fejn ħarġu jivvutaw 68% tal-popolazzjoni w ikkontestaw Tnax-il kandidat. Ġew eletti Paul J Baldacchino f’isem l-Għaqda tar-Residenti; Carmela Attard u Joseph Żammit għall-Partit Laburista w Pierre Cordina w Ray Pace għall-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar il-Tnejn 5 t’April 1999 għal perjodu ta’ Tlett snin u Joseph Żammit inħatar Sindku waqt li Carmela Attard inħatret Viċi Sindku għal perjodu ta’ tlett xhur. Aktar tard Paul J Baldacchino nħatar Viċi Sindku.

96_99

Leġiżlatura 1996-1999

It-Tieni elezzjoni saret nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 1996 fejn ħarġu jivvutaw 70% tal-popolazzjoni w ikkontestaw Seba' kandidati. Ġew eletti Paul J Baldacchino, Gerald V Bilocca, Gino Cauchi w Mark Fenech Laudi bħala Indipendenti w Ray Pace f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera l-ġodda ħadu l-Ġurament tal-ħatra nhar il-Ħamis 28 ta’ Marzu 1996 għal perjodu ta’ tlett snin u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar it-Tnejn l-1 t’April 1996, Gino Cauchi nħatar Sindku.

Il-Kunsillier Mark Fenech Laudi ma kienx preżenti minħabba li kien imsiefer.

94_96

Leġiżlatura 1994-1996

Bis-saħħa tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali ta’ l-1993, Pembroke kienet waħda mis-67 lokalitajiet li jkollha l-Kunsill Lokali tagħha. L-ewwel elezzjoni saret nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu 1994, fejn ikkontestaw tnax-il kandidat. Ħarġu jivvutaw 78.10% tal-popolazzjoni w ġew eletti Joseph Demicoli, Gerald V Bilocca w Joseph Żammit bħala Indipendenti; Mark Causon f’isem l-Alternattiva Demokratika w Ray Pace f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsilliera ħadu l-ġurament tal-ħatra nhar it-Tlieta 5 t’April 1994 għal perjodu ta’sentejn u fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa 6 t’April 1994, Joseph Demicoli nħatar l-Ewwel Sindku.